Iċ-Ċentru | Dar il-Ħanin Samaritan
Iċ-Ċentru

The Centre

Iċ-Ċentru

Bil-għajnuna ta’ Alla u tal-ħafna nies li ħadmu fuq dan il-proġett, is-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għanda l-pjaċir li toffri dan il-post għall-appostolat tax-xandir tal-Kelma. Kemm kellu raġun il-fundatur San Ġorġ Preca, meta kien itenni lill-membri li “kollox minnu, kollox b’ħiltu u kollox għalih”. Dan il-proġett kien possibbli biss grazzi għall-providenza kbira ta’ Alla u allura m’hemm xejn iktar nobbli milli jiġi offrut għax-xandir ta’ ismu.

Hekk kif tidħol fiċ-ċentru tal-konferenzi, issib kuritur li jieħdok fil-foyer prinċipali. Hu spazju ideali biex tilqa’ lill-mistednin tiegħek kif ukoll biex jitqassam xi materjal marbut mal-attività jew ħwejjeġ simili. Il-foyer iwassal għal kurituri spazjużi b’veduta sabiħa tal-ġnien li hemm taħt.

Is-sala tal-konferenzi hi l-qalb taċ-ċentru. Tilqa’ fiha 150 persuna u hi mgħammra b’sistema ta’ back projection fuq screen ta’ erba’ metri u b’sistema tal-awdjo mħaddma minn control room li hemm fuq wara tas-sala. Mas-sala hemm ukoll kamra għat-traduzzjoni meta l-konferenza tkun miftuħa għal nies li jitkellmu b’lingwi differenti.

Il-Ġnien

Il-Ġnien

Is-sular t’isfel għandu sala oħra li tilqa’ fiha 80 persuna u li hi mgħammra b’faċilitajiet simili f’dak li jirrigwardja projection u sound. Madwar din is-sala hemm tlett ikmamar imdaqqsa, ideali għal gruppi żgħar ta’ madwar 20 peruna. Kemm il-kmamar u kif ukoll is-swali, għandhom l-arja kkundizzjonata. Iċ-ċentru għandu wkoll kċina li tista’ tintuża f’każ li l-laqgħa tkun tinkludi riċeviment jew xi tip ta’ refreshments.   Il-ġnien tal-meditazzjoni jinkludi żewġ spazji prinċipali li jilqgħu fihom gruppi ta’ madwar 40 persuna kull wieħed. Dan minbarra żoni oħra madwar il-green areas li huma ideali għal mumenti ta’ riflessjoni jew għal xi waqfiet bejn laqgħa u oħra. Fl-aħħar nett, fiċ-ċentru tal-konferenzi hemm ukoll kappella ċkejkna, ideali għal ħin ta’ meditazzjoni personali. Dan il-ġnien hu l-ewwel parti ta’ proġett ikbar li jekk Alla jrid ikun lest fis-snin li ġejjin u li se jkun jinkludi spazju ieħor prinċipali fil-forma ta’ teatru Grieg.
Residenza

Residenza

Minbarra ċ-ċentru tal-konferenzi u l-ġnien ta’ meditazzjoni, il-Ħanin Samaritan toffri wkoll residenza għal dawk l-attivitajiet li jkunu mqassma fuq numru ta’ jiem bħal irtiri u seminars. Id-dar għanda 20 kamra li jilqgħu fihom massimu ta’ tliet persuni kull waħda. Kull kamra għanda l-faċilitajiet ta’ toilet u shower ‘ensuite’. Din il-parti tad-dar għanda wkoll kappella mdaqqsa li tilqa madwar 48 persuna bilqiegħda, ideali għal mumenti ta’ talb jew għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Madwar il-kappella hemm ‘zuntier’ żgħir u veranda li tagħti fuq il-ġnien taċ-ċentru. Id-‘Dining Room’ tad-dar tilqa wkoll 48 persuna u l-kċina toffri selezzjoni wiesgħa ta’ ikel.