Bil-għajnuna ta’ Alla u tal-ħafna nies li ħadmu fuq dan il-proġett, is-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għanda l-pjaċir li toffri dan il-post għall-appostolat tax-xandir tal-Kelma. Kemm kellu raġun il-fundatur San Ġorġ Preca, meta kien itenni lill-membri li “kollox minnu, kollox b’ħiltu u kollox għalih”. Dan il-proġett kien possibbli biss grazzi għall-providenza kbira ta’ Alla u allura m’hemm xejn iktar nobbli milli jiġi offrut għax-xandir ta’ ismu.
Hekk kif tidħol fiċ-ċentru tal-konferenzi, issib kuritur li jieħdok fil-foyer prinċipali. Hu spazju ideali biex tilqa’ lill-mistednin tiegħek kif ukoll biex jitqassam xi materjal marbut mal-attività jew ħwejjeġ simili. Il-foyer iwassal għal kurituri spazjużi b’veduta sabiħa tal-ġnien li hemm taħt.
Is-sala tal-konferenzi hi l-qalb taċ-ċentru. Tilqa’ fiha 150 persuna u hi mgħammra b’sistema ta’ back projection fuq screen ta’ erba’ metri u b’sistema tal-awdjo mħaddma minn control room li hemm fuq wara tas-sala. Mas-sala hemm ukoll kamra għat-traduzzjoni meta l-konferenza tkun miftuħa għal nies li jitkellmu b’lingwi differenti.