Ispirazzjoni | Dar il-Ħanin Samaritan
Ispirazzjoni

Inspiration

Ispirazzjoni

Metafora marbuta mal-ħajja ta’ kull persuna hija bla dubju ta’ xejn dik tal-pellegrinaġġ, il-passaġġ li persuna tagħżel li tgħaddi minnu hekk kif itterraq f’ħajjitha minn stat għall-ieħor, fit-tiftix kontinwu tal-ferħ u tas-sens tal-ħajja.

It-tradizzjoni Nisranija tesprimi l-ħsieb ta’ dan il-passaġġ hekk kif tikkontempla l-mixja tal-pellegrin mill-fonti tal-Magħmudija sa dik is-siegħa sabiħa li fiha l-bniedem – fil-ħin ta’ mewt – jara l-wiċċ tant mixtieq ta’ Kristu Rxoxt. Għalhekk, il-ġnien jagħmel possibbli din l-esperjenza fejn persuna tagħżel li tterraq tul il-ġnien pass wara pass, immexxija wkoll minn sens ta’ kurżità hi u timxi t-triq kollha. Din hija wkoll l-istess xewqa fil-ħajja ta’ kull persuna li tterraq f’dawn il-passaġġi; ix-xewqa li tasal mhux tant fejn tixtieq hi, daqskemm fejn iridha l-Mulej.

Minn fejn tinbet din ix-xewqa tal-vjaġġ? Tibda mis-smigħ tal-Kelma t’Alla. Id-disinn tas-sala prinċipali jrid jgħinek tħossok, int u toqgħod bilqiegħda – protett minn struttura li tissimbolizza qafas kustilji li jipproteġi l-pulmun – li qed tieħu n-nifs, in-nifs tal-Kelma t’Alla, l-istess bħal dak l-ewwel nifs li tak il-ħajja.

Is-Soċjetà tal-MUSEUM trodd ħajr lill-Professur Richard England li huwa l-arkitett ta’ dan il-proġett u lill-Perit Dorianne Cachia li ħadet ħsieb id-disinn u x-xogħol tas-sala minn ġewwa kif ukoll lill-iskultur John Grima u lid-ditta Domus Dei ta’ Ruma għall-istatwa tal-bronż tal-Irxoxt li tinsab fil-kappella tal-ġnien.

Inside-01

Il-Kappella

Il-Kappella

Kappella-02

 

‘Bħal ħuta fl-ilma, hekk aħna f’Alla.’

Kemm hi sabiħa din l-idea li kellu l-fundatur, Dun Ġorġ Preca, tal-bniedem mistrieħ f’Alla, il-Ħallieq tiegħu. U dan huwa l-ħsieb ewlieni fl-arkitettura tal-kappella li tinsab fl-ispazju vojt ta’ taħt is-sala tal-konferenzi. Imdawra b’kanali ta’ ilma safi, bi spazji vojta minquxin fil-ħajt ta’ quddiemek, int li smajt il-Kelma, tiġi mistieden sabiex bħal Marija – li kienet taħseb u żżomm f’qalbha kull esperjenza li tgħaddi minnha – tiskot, taħseb, tiddixxerni, titlob u fuq kollox tiggosta l-preżenza t’Alla fil-kwiet u s-serenità ta’ dan l-ispazju. Żgur li f’dan il-proċess ħarstek tmur lil hinn mill-post fejn int u tintrefa’ lejn il-figura ta’ Kristu Rxoxt.

 

Kristu Rxoxt

L-iskultura artistika ta’ Kristu Rxoxt għandha l-qawwa li tittrasportak lejn dak li hu traxxendentali. Il-wiċċ serju, iżda teneru ta’ Kristu, il-ħarsa tiegħu fissa lejn il-Missier – konkret daqskemm hu astratt – huwa stedina għal kull min jikkontemplah biex jidħol fil-misteru l-kbir tal-immortalità. Hekk kif isserraħ ħarstek fuq il-figura ta’ Ġesù, int tħoss qawwa kbira ħierġa minnu, dik l-istess qawwa li ħarġet mill-kustat minfud tiegħu, fejn minn qalbu tnisslet il-Knisja. B’idejh merfugħa ’l fuq, Ġesù jurik l-imħabba kbira tiegħu li ssalvana, donnu qed iwassal lill-Missier, din id-dinja, issa mifdija u msoffija bl-att tal-ubbidjenza. Is-saqajn imtawla tal-persuna tiegħu, jikkomunikawlek sens ta’ ħeffa u leġġerezza ta’ min il-qawwiet u l-limitazzjonijiet tal-fiżika umana, m’għadhomx jaħkmu fuqu.